gov.mt

PR261826

PR261826

30/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Insaħħu l-ħarsien tal-annimali permezz tal-aċċess għall-ġustizzja

​​

Fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Ġustizzja 2026, il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, f'kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, organizza attività bit-tema “Intejbu l-Ħarsien tal-Annimali permezz tal-Aċċess għall-Ġustizzja".

Din l-attività laqqgħet flimkien professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja, awtoritajiet tal-infurzar, entitajiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali, kif ukoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bil-għan li jissaħħu l-għarfien u l-kollaborazzjoni sabiex il-protezzjoni tal-annimali stabbilita fil-liġi tkun waħda effettiva fil-prattika.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li l-aċċess għall-ġustizzja ma jfissirx biss dak li jiġri fl-awla tal-qorti, iżda jinkludi l-proċess kollu, mir-rappurtar ta' każijiet ta' abbuż, għall-investigazzjoni, il-ġbir tal-evidenza u l-prosekuzzjoni, sa deċiżjoni ġudizzjarja f'waqtha u effettiva.

Il-Ministru Grima enfasizza li l-ħarsien tal-annimali għandu importanza partikolari f'dan il-kuntest, hekk kif l-annimali jiddependu fuq in-nies u l-istituzzjonijiet sabiex il-liġijiet li jipproteġuhom jiġu infurzati.

“Mhux biżżejjed li jkollna liġijiet li jipproteġu lill-annimali jekk dawn ma jkunux jistgħu jiġu infurzati b'mod effettiv. Irridu nkomplu naħdmu biex ikollna sistema tal-ġustizzja aktar effiċjenti u aċċessibbli, li permezz tagħha l-protezzjoni mogħtija mil-liġi tissarraf fi protezzjoni reali fil-prattika," sostna l-Ministru Clifton Grima.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said saħqet li l-ħarsien tal-annimali huwa responsabbiltà kollettiva.

“Irridu niżguraw li l-kompassjoni li nuru lejn l-annimali tkun sostnuta minn azzjoni konkreta u minn sistema ta' ġustizzja effettiva. Għalhekk, huwa essenzjali li nkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet, il-professjonisti u l-għaqdiet volontarji, sabiex kull każ ta' abbuż jew negliġenza jiġi indirizzat bis-serjetà li jixraqlu u kull annimal jingħata l-protezzjoni li għandu bżonn," qalet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.

Matul l-attività saru wkoll interventi mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Elliot Magro u mid-Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali Dennis Sciberras. Saret ukoll diskussjoni multi dixxiplinari li matulha ġew diskussi diversi sfidi marbuta mar-rappurtar tal-abbuż, il-ġbir tal-evidenza, il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-effiċjenza tal-proċeduri fil-qasam tal-ġustizzja.​

Din l-attività serviet bħala opportunità biex ikompli jissaħħaħ id-djalogu bejn dawk kollha involuti fil-ħarsien tal-annimali, filwaqt li ġiet enfasizzata l-importanza ta' sistema tal-ġustizzja li tiggarantixxi li l-protezzjoni prevista mil-liġi tkun waħda reali, f'waqtha u effettiva.

 

​